Dwar il-bażi tad-dejta nazzjonali

Logo tas-sit web leġiżlattiv Latvjan “Latvijas Vēstnesis”

Deskrizzjoni

Is-sit web www.vestnesis.lv jipprovdi verżjoni elettronika ta' “Latvijas Vēstnesis” – il-ġurnal uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja. Is-sit web www.vestnesis.lv ilu disponibbli onlajn mill-1995. Madankollu, bħalissa l-verżjoni stampata biss tal-ġurnal uffiċjali torbot legalment.

Is-sit web www.vestnesis.lv jitmexxa mill-istess kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata li tippubblika l-verżjoni stampata tal-ġurnal uffiċjali “Latvijas Vēstnesis”. Xi ishma tal-kumpaniji huma mixtrija mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Latvja. L-informazzjoni disponibbli onlajn hi l-istess bħal dik ippubblikata fil-verżjoni stampata tal-ġurnal uffiċjali.

Għall-konvenjenza tal-utenti, l-informazzjoni fuq is-sit web www.vestnesis.lv hi ppreżentata f'erba' taqsimiet:

  • Dokumenti – atti legali (liġijiet, regolamenti tal-Kabinett, regolamenti li jorbtu legalment tal-gvernijiet lokali, sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali, servizzi ta' informazzjoni tal-ministeri u ta' awtoritajiet pubbliċi oħrajn, eċċ.) maħruġin mill-awtoritajiet pubbliċi tar-Repubblika tal-Latvja (il-Parlament, il-Kabinett, il-Prim Ministru, il-ministri, l-istituzzjonijiet tal-amministrazzjoni tal-istat, il-Qorti Kostituzzjonali, il-muniċipalitajiet tal-ibliet ta' interess nazzjonali, eċċ.)
  • Fis-Saeima – informazzjoni dwar is-Saeima (il-Parlament Latvjan), dikjarazzjonijiet, aġendi, traskrizzjonijiet tas-sessjonijiet, eċċ.
  • Informazzjoni – informazzjoni ppubblikata fil-ġurnal uffiċjali dwar l-aħħar żviluppi fil-pajjiż u stqarrijiet għall-istampa tal-awtoritajiet tal-istat
  • Avviżi – informazzjoni ppubblikata fil-ġurnal uffiċjali dwar ir-reġistru tal-kumpaniji, kif ukoll avviżi legali oħrajn (eż. avviżi dwar il-ftuħ ta' suċċessjonijiet, tlugħ il-qorti, avviżi lill-kredituri, eċċ.).

Is-sit web www.vestnesis.lv għandu għażliet vasti ta' tiftix - tista' tfittex l-informazzjoni bid-data tal-pubblikazzjoni (permezz tat-tiftix fl-arkivju ta' kalendarju) jew permezz ta' tiftixa avvanzata, li tippermettilek tuża kriterji u għażliet differenti (kelma fit-test tad-dokumenti jew fit-titlu tad-dokument, l-awtorità tal-ħruġ, it-tip u n-numru tad-dokument, id-data tal-pubblikazzjoni, id-data tad-dħul fis-seħħ, l-istatus, eċċ.).

Il-pubblikatur tal-ġurnal uffiċjali “Latvijas Vēstnesis” imexxi wkoll il-portal tal-liġijiet www.likumi.lv. L-atti legali ppubblikati fil-ġurnal uffiċjali jidħlu sistematikament fil-bażi tad-dejta. Fil-portal l-atti legali huma disponibbli bla ħlas, kemm it-testi bażiċi kif ukoll il-verżjonijiet konsolidati - verżjonijiet kurrenti, verżjonijiet preċedenti (storiċi) u verżjonijiet b'tibdiliet li għadhom ma daħlux fis-seħħ (verżjonijiet futuri). Il-bażi tad-dejta hi s-sors tal-liġi Latvjana fis-sit web N-Lex.

L-istrumenti legali

Latvijas Republikas SatversmeIl-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja

Likums (Liġi) – normalment att normattiv li jorbot legalment maħruġ mis-Saeima (il-Parlament Latvjan)

Ministru kabineta noteikumi (Regolamenti tal-Kabinett) – normalment att normattiv li jorbot legalment maħruġ mill-gvern tal-Latvja fuq il-bażi tal-liġi

Ministru kabineta rīkojums (Ordni tal-Kabinett) – strument legali maħruġ mill-gvern tal-Latvja f'oqsma fejn għandu kompetenza