Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (Bundesministerium der Justiz) u l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja (Bundesamt für Justiz) jagħmlu kważi l-liġijiet Federali Ġermaniżi kollha attwalment fis-seħħ disponibbli online, mingħajr ħlas. Tista' taċċessa l-verżjonijiet l-aktar riċenti tal-liġijiet u r-regolamenti, li huma kontinwament aġġornati mill-uffiċċju tad-dokumentazzjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja. It-testi disponibbli fuq l-internet mhumiex il-verżjonijiet uffiċjali tal-liġijiet. Dawn jistgħu jinstabu fil-verżjoni stampata tal-Gazzetta tal-Liġi Federali (Bundesgesetzblatt) biss.
Tista' tfittex għal termini kemm fit-titoli tal-liġijiet kif ukoll fit-testi sħaħ. Ħarsa ġenerali tal-liġijiet u r-regolamenti kollha f'ordni alfabetika hija disponibbli wkoll.
It-traduzzjonijiet bl-Ingliż ta' bosta liġijiet importanti jistgħu jiġu aċċessati.
Barra minn hekk, hemm servizz ta' aġġornament li juri links għad-dispożizzjonijiet ġodda kollha li ġew promulgati reċentement fil-Parti I tal-Gazzetta tal-Liġi Federali sa sitt xhur mid-data meta jidħlu fis-seħħ. Is-servizz jipprovdi wkoll it-testi tal-emendi li fuqhom huma msejsa l-liġijiet u r-regolamenti konsolidati. Barra minn hekk, tista' tabbona għas-servizz ta' aġġornament bħala RSS feed.
Fl-aħħar nett, hemm links għall-bażijiet tad-data oħrajn li fihom liġijiet mil-Länder, regolamenti amministrattivi tal-ogħla awtoritajiet federali fil-Ġermanja kif ukoll deċiżjonijiet tal-Qorti Federali Kostituzzjonali, il-Qrati Federali Supremi u l-Qorti Federali tal-Privattivi.