Dwar il-bażi tad-dejta nazzjonali

Il-logo tas-sit web leġiżlattiv Slovakk “Slov-Lex”

Deskrizzjoni

Dan il-portal jipprovdi lill-professjonisti u lill-pubbliku inġenerali b’aċċess elettroniku għal-liġi applikabbli u l-informazzjoni rilevanti kollha rigward il-liġi. Hu jipprovdi l-leġiżlaturi b’għodod leġiżlattivi effettivi wkoll.

Il-portal jippermetti wkoll lill-pubbliku sabiex jiffamiljarizza ruħu mal-abbozzi proponuti u jieħu rwol attiv fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet bl-użu ta’ għodod għall-kummenti. Wieħed mill-akbar vantaġġi tas-sistema, madankollu, hi l-pubblikazzjoni ta’ sett ta’ verżjonijiet ta’ promulgazzjonijiet legali. Din tippermetti lill-utenti li jsiru faċilment familjari ma’ bidliet u emendi numerużi. Barra minn hekk, din is-sistema tippermetti li wieħed juri, jipprintja jew inkella jipproċessa l-kontenut ta’ promulgazzjoni legali fil-forom sussegwentement emendati tagħha.

Strumenti legali

Il-portal jinkludi l-moduli li ġejjin:

  • Kollezzjoni elettronika – verżjoni elettronika tal-Kollezzjoni tal-Liġijiet tar-Repubblika Slovakka b’verżjonijiet PDF iffirmati b’mod elettroniku tal-atti legali b’kontenut legalment vinkolanti; din tinkludi wkoll arkivju b’fajls ikkompressati tal-Kollezzjoni tal-Liġijiet tar-Repubblika Slovakka mill-1918 ’l hawn
  • Leġiżlazzjoni elettronika – il-funzjoni ewlenija hi li tipprovdi lill-utenti b’aċċess għall-proċess tat-tfassil tal-liġijiet matul kull stadju minn dak tat-tħejjija għall-pubblikazzjoni fil-Kollezzjoni tal-Liġijiet tar-Repubblika Slovakka
  • Teżawru tal-Liġi Slovakka – dizzjunarju ta’ termini legali użati fis-sistema tal-liġi tar-Repubblika Slovakka
  • Liġi tal-UE – tippermetti li l-utenti tagħha jfittxu jew jibbrawżjaw il-leġiżlazzjoni tal-UE
  • Regolamenti ta’ implimentazzjoni – jipprovdu l-miżuri promulgati minn ministeri u minn uffiċċji tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali oħrajn
  • Kollezzjonijiet dipartimentali – kollezzjonijiet maħruġa mill-ministeri magħżula
  • Ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka u tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka
  • Sentenzi u deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
  • Deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
  • Deċiżjonijiet tal-qrati ġenerali Slovakki