Deskrizzjoni
Il-ġabra ta' leġiżlazzjoni Kroata tinkludi l-atti legali ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika
tal-Kroazja, Narodne novine, u l-atti legali adottati qabel l-indipendenza tal-Kroazja, ippubblikati
fil-gazzetti uffiċjali tal-istati predeċessuri, li kienu fis-seħħ fl-2007 meta beda l-proċess tad-diġitalizzazzjoni
tagħhom. Il-ġabra tinkludi atti legali u politiki oħra, bħar-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet mill-Parlament
Kroat, strateġiji nazzjonali, baġits statali annwali, rapporti fid-dominju tal-awtoritajiet pubbliċi, u l-istatuti
tagħhom, jekk ikunu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali, Narodne novine.
Il-ġabra hi miżmuma mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istat għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Diġitali bħala parti mill-Katalgu
Ċentrali tad-Dokumentazzjoni Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja (http://www.digured.hr/).
Il-leġiżlazzjoni disponibbli permezz tas-servizz onlajn hi maħsuba li tkun għal skopijiet ta' informazzjoni biss.
Huma biss l-atti ppubblikati fil-verżjoni stampata tal-Gazzetta Uffiċjali, Narodne novine, li għandhom
valur legali.
Sorsi tal-liġi fir-Repubblika tal-Kroazja
- Il-Kostituzzjoni (Ustav) hi l-att legali bl-ogħla status legali.
- Il-ftehimiet internazzjonali - skont il-Kostituzzjoni, il-liġi u r-regoli tal-liġi internazzjonali,
il-President tar-Repubblika tal-Kroazja u l-President tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja huma responsabbli
għall-adeżjoni fi ftehimiet internazzjonali, skont in-natura u l-kontenut tal-ftehim internazzjonali.
Il-ftehimiet internazzjonali konklużi skont il-Kostituzzjoni, ivverifikati mill-Parlament Kroat imbagħad
ippubblikati jikkostitwixxu parti integrali mill-ordni legali tar-Repubblika u għandhom valur legali ogħla
mil-liġi.
- Il-liġijiet (zakoni) huma atti legali ġenerali adottati mill-Parlament Kroat skont il-proċedura
stipulata fil-Kostituzzjoni. Qabel ma jidħlu fis-seħħ iridu jkunu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali Narodne
novine u ġeneralment jidħlu fis-seħħ fit-tmin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.
- By-laws (podzakonski akti) huma atti legali adottati mill-awtoritajiet pubbliċi. F'termini ta'
status legali jiġu wara l-Kostituzzjoni u l-liġi. Huma adottati taħt awtorizzazzjoni speċjali inkluża fin-norma
legali superjuri jew għall-iskopijiet ta' prinċipji ta' implimentazzjoni li hemm provvediment għalihom fin-norma
superjuri. By-laws jinkludu digrieti, regoli ministerjali, deċiżjonijiet u ordnijiet.
- Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-konformità tal-liġi mal-Kostituzzjoni u l-konformità ta'
atti legali oħra mal-Kostituzzjoni u l-liġi.