Is-sit web retsinformation.dk fih il-liġijiet Daniżi kollha u regoli oħrajn (ordnijiet eżekuttivi, avviżi, eċċ.) maħruġin mill-ministeri Daniżi u l-aġenziji tal-gvern ċentrali, dokumenti tal-Parlament Daniż (il-Folketing) (mis-sena parlamentari 1985-1986) u opinjonijiet tal-Ombudsman Parlamentari (minn wara l-1988).
Is-sit web fih il-liġijiet u r-regoli kollha li applikaw meta s-sistema ġiet stabbilita (fil-perjodu 1985-1989) u l-liġijiet u r-regoli kollha maħruġin minn dakinhar.
Id-dokumenti kollha huma bid-Daniż.
lovtidende.dk u ministerialtidende.dk
Lovtidende (minn issa 'l quddiem "LT") hu l-mezz ta' komunikazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Daniżi. L-LT hu ppubblikat fi tliet partijiet: A, B u C (minn issa 'l quddiem "LTA", "LTB" u "LTC").
L-LTA fih il-liġijiet kollha, l-ordijiet/id-digreiti u l-ordijiet eżekuttivi li għandhom jiġu mħabbrin fl-LTA u li m'humiex inklużi fl-LTB. L-LTB fih il-baġit tal-Istat u atti supplementari dwar l-approprjazzjonijiet. L-LTC fih it-trattati eċċ. konklużi bejn l-Istati.
Mill-1 ta' Jannar 2008 l-LT beda jiġi ppubblikat f'format elettroniku.
L-avviżi kollha, id-dokumenti ta' gwida, l-ittri, eċċ. ta' interess ġenerali jistgħu jiġu ppubblikati fil-Ministerialtidende. Il-pubblikazzjoni tar-regolamenti fil-Ministerialtidende m'għandhiex effetti legali.
Dokument hu aċċessibbli fuq is-sit retsinformation.dk fl-istess ħin meta jitħabbru fl-LT jew il-pubblikazzjoni fil-Ministerialtidende.
Att prinċipali (hovedlov) jgħaddi mill-Folketing u jirċievi l-Kunsens Irjali mis-sovran.
Att ta' emenda (ændringslov) jemenda dispożizzjonijiet individwali ta' liġijiet kurrenti. L-att jgħaddi mill-Folketing u jirċievi l-Kunsens Irjali mis-sovran.
Att ta' konsolidazzjoni (lovbekendtgørelse) hu verżjoni konsolidata ta' att prinċipali kif emendat.
Kompilazzjonijiet (datasammenskrivninger) jikkorrispondu għall-atti ta' konsolidazzjoni, għalkemm mhumiex dokumenti uffiċjali.
Il-baġit tal-istat u l-atti supplementari dwar l-approprjazzjonijiet jista' jkun fihom annotazzjonijiet (tekstanmærkninger), li f'ċertu każijiet jistipolaw regoli sostantivi. Annotazzjoni tapplika biss għas-sena fiskali tal-baġit tal-Istat rileventi.
Is-sit web fih metadejta rilevanti b'links għad-dokumenti fuq ‘lovtidende.dk’.
Ordni (anordning) tinħareġ mill-Amministrazzjoni f'konformità mal-liġi jew biex timplimenta l-liġijiet.
Digriet Irjali (kongelig anordning) jinħareġ mis-sovran. Jintuża normalment għad-dħul fis-seħħ ta' liġijiet li japplikaw għal Greenland u l-Gżejjer Faroe.
Ordni ta' emenda (ændringsanordning) jemenda ordni kew digriet eżistenti.
Ordni ta' bidu (ikrafttrædelsesanordning) tistipola d-data tal-bidu ta' liġi.
Ordijiet eżekuttivi (bekendtgørelser) jinħarġu mill-ministeri jew awtoritajiet amministrattivi pubbliċi oħrajn u japplikaw kemm għall-individwi privati u kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi. L-ordijiet eżekuttivi jinħarġu normalment f'konformità ma' liġi.
Ordin eżekuttiva ta' emenda (ændringsbekendtgørelse) temenda ordni eżekuttiva eżistenti.
Ordni eżekuttiva ta' bidu (ikrafttrædelsesbekendtgørelse) tistipola d-data tal-bidu ta' liġi.
Ordni eżekuttiva internazzjonali (international bekendtgørelse) hi relatata mal-liġi u l-obbligi internazzjonali.
Ittra miftuħa (åbent brev) tinkiteb mis-sovran. Issa tintuża esklussivament biex jissejħu l-elezzjonijiet ġenerali.
Avviż (cirkulære) fih ir-regoli ġenerali tal-liġi u jinħareġ mill-ministeri, aġenziji eċċ. individwali, u hu intiż esklussivament għal awtoritajiet pubbliċi oħrajn.
Avviż ta' emenda (ændringscirkulære) jemenda avviż eżistenti.
Dokument ta' gwida (vejledning) jista' jkun fih informazzjoni dwar is-sostanza u l-isfond tar-regoli u dwar l-interpretazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom. Dokument ta' gwida hu tip ta' regolament bla effett legali. Hu indirizzat lill-awtoritajiet pubbliċi.
Ittra (skrivelse) fiha l-proposti ġenerali u rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti minn awtorità amministrattiva lil awtoritajiet oħrajn.
Ittra avviż (cirkulæreskrivelse) hi ittra amministrattiva intiża għal awtoritajiet pubbliċi differenti.