Dwar il-bażi tad-dejta nazzjonali

Logo tas-sit web leġiżlattiv Irlandiż “Statute Book”

Deskrizzjoni

Tista' tikkonsulta l-leġiżlazzjoni Irlandiża permezz tas-sit web tal-Irish Statute Book elettroniku (eISB) imfassal u mmexxi mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali.

L-utenti jistgħu jibbrawżjaw u jfittxu l-leġiżlazzjoni permezz tal-bażi tad-dejta tal-Irish Statute Book elettroniku li fih:

  • Atti tal-Oireachtas (leġiżlazzjoni primarja) mill-1922 sal-lum,
  • Strumenti Statutorji (leġiżlazzjoni sekondarja) mill-1922 sal-lum,
  • Direttorju tal-Leġiżlazzjoni (li qabel kienu t-Tabelli Kronoloġiċi tal-Istatuti).

L-atti jiġu ppubblikati malli jiġu ppromulgati. Xi drabi, xi oqsma tal-liġi huma konsolidati fil-forma ta' att konsolidat li jorbot legalment pereżempju l-Att ta' Konsolidazzjoni dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud 2010 (31/2010).

Il-verżjoni uffiċjali tal-Atti tal-Oireachtas u l-Istrumenti Statutorji hija l-verżjoni stampata ppubblikata mid-Dar tal-Pubblikazzjoni tal-Gvern.

Atti legali

L-Irlanda hi demokrazija parlamentari. Il-Parlament Nazzjonali (Oireachtas) jikkonsisti mill-President u żewġt Ikmamar: Dáil Éireann (il-Kamra tad-Deputati) u Seanad Éireann (is-Senat) li l-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom jiġu mill-Kostituzzjoni tal-Irlanda promulgata mill-Poplu fl-1 ta' Lulju, 1937.

Leġiżlazzjoni

Il-leġiżlazzjoni tinkludi l-leġiżlazzjoni primarja: il-liġi ppromulgata mid-Dáil u s-Seanad u ffirmata mill-President u l-leġiżlazzjoni sekondarja (ir-regolamenti, ir-regoli, l-ordnijiet, eċċ.) li jsiru taħt l-awtorità ta' Att.

Leġiżlazzjoni primarja: Atti tal-Oireachtas

L-Oireachtas għandu s-setgħa unika u esklużiva li jsiru l-liġijiet, suġġetti għall-obbligi tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea kif inhu mniżżel fil-Kostituzzjoni tal-Irlanda.

Abbozz ta' liġi

L-Atti kollha tal-Oireachtas jibdew bħala abbozzi ta' liġijiet li huma proposti għal leġiżlazzjoni mibdijin fid-Dáil jew fis-Seanad. L-abbozzi li japplikaw għal entità ġenerali taċ-ċittadini jissejħu Abbozzi Pubbliċi u dawk imħeġġin mill-awtoritajiet lokali u entitajiet privati jew individwali għall-għanijiet tagħhom jissejħu Abbozzi Privati. Dawn huma rari ħafna u jiġu trattati bi proċeduri separati.

Leġiżlazzjoni Sekondarja: Strumenti Statutorji

Il-leġiżlazzjoni sekondarja, fil-forma ta' Strumenti Statutorji, hi rregolata mill-Att dwar l-Istrumenti Statutorji tal-1947. Hemm ħames tipi ewlenin ta' strumenti statutorji: ordnijiet, regolamenti, regoli, liġijiet lokali u skemi.

L-Istrumenti Statutorji għandhom varjetà wiesgħa ta' funzjonijiet. Mhumiex ippromulgati mill-Oireachtas iżda jsiru minn persuni jew entitajiet li huma delegati b'setgħat leġiżlattivi mill-Istatut f'rabta ma' kwsitjonijiet dettaljati ta' kuljum li jiġu mill-operazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja rilevanti.

L-Istrumenti Statutorji jintużaw, pereżempju, biex jiġu implimentati d-Direttivi Ewropej, jintgħażlu l-jiem ta' smigħ ta' Qrati Distrettwali partikolari u jiġu ddelegati s-setgħat tal-Ministri. Ministri tal-Gvern speċifiċi u aġenziji u entitajiet oħrajn huma awtorizzati jagħmlu Strumenti Statutorji permezz ta' Atti partikolari u kull sena jsiru madwar mitt strument.

Direttorju tal-Leġiżlazzjoni (dak li qabel kienu t-Tabelli Kronoloġiċi)

L-għan tad-Direttorju tal-Leġiżlazzjoni hu li jippermetti lill-utenti tal-Istatuti Irlandiżi jidentifikaw jekk Att partikolari ġiex emendat jew affettwat b'xi mod mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Id-Direttorju tal-Leġiżlazzjoni hu magħmul mill-Kummissjoni tar-Riforma tal-Liġi (http://www.lawreform.ie/as-gaeilge.48.html) u hu ppubblikat fuq is-sit web tal-eISB.