Dwar il-bażi tad-dejta nazzjonali

Logo tas-sit web leġiżlattiv Rumen “Portal legislativ”

Deskrizzjoni

Il- Portal Web Leġiżlattiv inħoloq bħala parti mill-proġett N-Lex, li hu kofinanzjat taħt il-programm operattiv għall-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-Fond Soċjali Ewropew.

L-għan tiegħu huwa li:

  • jimmodernizza s-servizzi li jipprovdu aċċess pubbliku għal-leġiżlazzjoni;
  • jallinja l-istandards nazzjonali ma' dawk tal-UE. 

Immexxija mill-Ministeru tal-Ġustizzja, is-sistema tipprovdi diversi opzjonijiet li jinkludu:

  • aċċess għal aktar minn 150,000 att regolatorju (1989 sal-lum, kif ukoll leġiżlazzjoni rilevanti ta' qabel l-1989)
  • tiftix avvanzat bl-użu ta’ diversi kriterji: tip ta’ att, numru, sena, data tal-ħruġ, data tal-pubblikazzjoni, tip ta' pubblikazzjoni, awtur
  • possibbiltà li tirfina r-riżultati tat-tiftix bl-użu ta’ kriterji bħal terminu speċifiku (jew it-termini speċifiċi kollha) fit-titolu jew fil-korp ta’ dokument leġiżlattiv
  • wiri tar-riżultati tat-tiftix u l-issortjar tagħhom skont ir-rilevanza
  • aċċess għall-bidliet leġiżlattivi kollha
  • wiri tal-bidliet fl-atti regolatorji
  • wiri tal-kontenut ta’ atti regolatorji u l-possibbiltà li tara għadhomx fis-seħħ
  • aċċess għal verżjonijiet konsolidati ta’ atti regolatorji f’dati speċifikati mill-utent.

Il-bażi tad-dejta hi aġġornata kuljum, f’konformità mal-bidliet leġiżlattivi.

Atti legali

Il-qafas legali Rumen jinkludi l-istrumenti legali li ġejjin:

  • Il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tar-Rumanija. Hija tirregola l-istruttura tar-Rumanija bħala Stat nazzjonali, unitarju u indiviżibbli, ir-relazzjonijiet bejn l-entitajiet leġiżlattivi, governattivi u ġudizzjarji u bejn l-entitajiet tal-Istat, iċ-ċittadini u l-persuni ġuridiċi.
  • Il-liġijiet kostituzzjonali joħorġu mill-poter kostitwent - jiġifieri mill-assemblea kostitwenti eletta u msejħa għal dak l-għan.
  • Il-liġijiet organiċi jirregolaw oqsma ta' importanza kbira għall-Istat, bħall-fruntieri tal-Istat, iċ-ċittadinanza Rumena, l-emblema tal-istat u s-siġill tal-istat, id-dispożizzjonijiet ġuridiċi għall-proprjetà u l-wirt, l-organizzazzjoni u ż-żamma ta' referenda, reati kriminali, sentenzi u r-regoli dwar kif wieħed jiskonta l-piena, l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, tal-qrati, tas-Servizz ta' Prosekuzzjoni Pubblika u l-Qorti tal-Awditjar, id-drittijiet tal-individwi li soffrew ħsara minn awtorità pubblika, id-difiża nazzjonali, l-organizzazzjoni tal-korpi governattivi, il-partiti politiċi.
  • Il-liġijiet ordinarji jirregolaw l-oqsma l-oħra kollha li mhumiex koperti mil-liġijiet organiċi. Liġi ordinarja ma tistax temenda jew timmodifika norma superjuri, bħal liġi organika jew il-Kostituzzjoni.
  • F'każijiet speċjali (waqfiet tal-Parlament) ċerti oqsma, kif stabbiliti mill-Parlament, jistgħu, fuq il-bażi ta' delega leġiżlattiva, jiġu regolati minn ordnijiet tal-Gvern. Dawn l-ordnijiet jinħarġu fuq il-bażi ta' att speċjali li jagħti din is-setgħa, fil-limitu u bil-kundizzjonijiet stabbiliti minn dak l-att. F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-Gvern jista’ joħorġ ordnijiet ta’ emerġenza fi kwalunkwe qasam, jekk ikun meħtieġ.
  • Id-deċiżjonijiet tal-Gvern jiddeterminaw kif il-liġijiet għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv kif ukoll diversi aspetti organizzazzjonali oħra tal-implimentazzjoni tagħhom.
  • Atti leġiżlattivi maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvern ċentrali (ordnijiet u struzzjonijiet) jinħarġu biss fuq il-bażi ta' u sabiex jimplimentaw liġijiet, deċiżjonijiet u ordnijiet tal-Gvern.
  • atti ta' awtoritajiet amministrattivi awtonomi
  • atti leġiżlattivi maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvern lokali (il-Kunsilli tal-Kontea, il-Kunsilli Lokali, il-Kunsill Ġenerali ta' Bukarest) jirregolaw oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-gvern lokali.