Deskrizzjoni
Ir-Riigi Teataja (Gazzetta tal-Istat) hi pubblikazzjoni uffiċjali tar-Repubblika tal-Estonja, bl-ewwel ħarġa
tagħha ppubblikata fis-27 ta' Novembru 1918. Ir-Riigi Teataja hi ppubblikata mill-Ministeru tal-Ġustizzja
tal-Estonja.
Mill-1996 l-atti stampati fir-Riigi Teataja bdew ikunu disponibbli f'format elettroniku fuq l-Internet. Mill-1 ta'
Ġunju 2002 ir-Riigi Teataja bdiet tiġi ppubblikata kemm fil-format stampat tradizzjonali kif ukoll f'verżjoni
elettronika fuq l-Internet. Il-ħarġa elettronika kienet ippubblikata simultanjament mal-ħarġa stampata.
Mill-ħolqien
tal-eRT l-għadd ta' abbonamenti tal-verżjoni stampata tar-Riigi Teataja naqas b'medja ta' 20% fis-sena, filwaqt li
l-għadd ta' sessjonijiet ta' aċċess għall-eRT żdied b'darbtejn jew tliet darbiet. L-aħħar kopja stampata tar-Riigi
Teataja kienet ippubblikata fil-31 ta' Mejju 2010.
Mill-1 ta' Ġunju 2010, bid-dħul fis-seħħ tal-Att ġdid dwar ir-Riigi Teataja, l-eRT saret l-unika pubblikazzjoni
uffiċjali tar-Riigi Teataja.
Mill-2013 l-eRT se sservi wkoll ta' midja fejn se jiġu ppubblikati r-regolamenti maħruġa mill-gvernijiet lokali.
B'hekk l-istat ikun qed jipprovdi lill-gvernijiet lokali servizz ta' pubblikazzjoni tal-atti.
Biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu l-leġiżlazzjoni, hu indispensabbli li din tkun disponibbli, u hu għalhekk li
l-bażi tad-dejta tal-eRT hija bla ħlas. Kulħadd għandu dritt legali li juża l-eRT bla ħlas fi kważi 600 librerija
pubblika u kważi 240 uffiċċju tal-gvern lokali. Il-librara u l-uffiċjali tal-gvern għamlu kors ta' taħriġ dwar l-użu
tal-eRT u huma obbligati mil-liġi li jipprovdu lill-persuni bl-istruzzjonijiet u jgħinuhom isibu l-atti
neċessarji.
Is-softwer il-ġdid tal-eRT inħoloq fl-2010 minn AS Webmedia. Il-magna tal-bażi tad-dejta hi Solr, l-applikazzjoni
tal-web hi bbażata fuq il-Java. It-testi fl-eRT huma miżmumin f'format XML, ippubblikati f'format HTML, b'xi
appendiċi f'format PDF.
It-taqsima "Tiftixa" fir-Riigi Teataja elettronika nqassmet f'erba' taqsimiet:
- Tiftixa minn testi konsolidati (liġijiet u Regolamenti tal-Gvern tar-Repubblika huma
disponibbli mill-1990, it-testi konsolidati uffiċjali u infurzati l-oħra relatati mal-liġijiet u r-regolamenti
tal-ministri mill-1 ta' Ġunju 2002).
- Tiftixa mit-testi oriġinali (it-testi oriġinali kollha u t-testi oriġinali/konsolidati
ppubblikati fir-Riigi Teataja).
- Tiftixa mit-testi oriġinali tal-gvern lokali
- Tiftixa minn websajts oħrajn bħal EUR-Lex jew il-portal Ewropew ġustizzja-e eċċ.
Atti legali
L-iktar differenza sinifikanti u l-vantaġġ tal-eRT, meta mqabbla mar-Riigi Teataja stampata, hi l-pubblikazzjoni ta'
testi konsolidati ta' atti leġiżlattivi. It-test konsolidat hu att leġiżlattiv li jirrifletti t-tibdil kollu li
sarlu. It-testi konsolidati huma abbozzati abbażi tat-testi oriġinali ppubblikati fir-Riigi Teataja. L-ewwel test
oriġinali hu dejjem ukoll l-ewwel test konsolidat (test oriġinali/konsolidat).
It-testi oriġinali ta' dawn l-atti leġiżlattivi huma ppubblikati fl-eRT:
- Att flimkien ma' referenza għar-riżoluzzjoni tal-President tar-Repubblika dwar il-proklamazzjoni tal-Att;
- deċiżjoni ta' referendum;
- digriet tal-President tar-Repubblika;
- att abbozz u riżoluzzjoni abbozz sottomessi għal referendum;
- regolament tal-Gvern tar-Repubblika, il-Kumitat Elettorali Nazzjonali u digriet tal-Gvernatur tal-Eesti
Pank (Bank tal-Estonja);
- kuntratt skont il-liġi pubblika li daħal fis-seħħ minn ministeru, il-Kanċillier tal-Istat u awtoritajiet
oħrajn tal-Istat biex jirregolaw għadd mhux limitat ta' każijiet;
- sentenza tal-Kamra tar-Reviżjoni Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema jew il-Qorti Suprema maħtura, li jkun
fiha deċiżjoni dwar il-kostituzzjonalità ta' leġiżlazzjoni ta' applikazzjoni ġenerali ppubblikata fir-Riigi
Teataja;
- Att dwar il-bidu jew it-terminazzjoni ta' ftehim internazzjonali flimkien ma' referenza għar-riżoluzzjoni
tal-President tar-Repubblika dwar il-proklamazzjoni tal-Att;
- ftehim internazzjonali li jkun sar bl-Estonjan jew it-traduzzjoni tiegħu fl-Estonjan, jekk it-test
tal-ftehim internazzjonali jkun disponibbli biss f'lingwi barranin, u f'tal-anqas lingwa barranija waħda li
sservi bħala bażi għall-interpretazzjoni. Ftehim internazzjonali għandu jiġi ppubblikat flimkien ma' Att li
jiddiskuti d-dħul fil-ftehim internazzjonali jew, jekk kien ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
referenza u link għall-ftehim internazzjonali jew għall-ordni tal-Gvern tar-Repubblika fejn ġie deċiż id-dħul
fil-ftehim internazzjonli;
- avviż tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin dwar id-dħul fis-seħħ u l-iskadenza ta' ftehim
internazzjonali u, fejn meħtieġ, informazzjoni oħra dwar il-ftehim internazzjonali;
- ordni tal-Gvern tar-Repubblika dwar ir-relazzjonijiet barranin;
- riżoluzzjoni tal-President tar-Repubblika dwar il-ħatra u t-tneħħija ta' rappreżentant diplomatiku.
- riżoluzzjoni, stqarrija, dikjarazzjoni u indirizz tar-Riigikogu (il-Parlament tal-Estonja);
- riżoluzzjoni u direttiva tal-President tar-Repubblika, minbarra riżoluzzjoni dwar il-proklamazzjoni ta'
Att u dwar ir-reviżjoni ta' appell għall-maħfra ta' persuna misjuba ħatja ta' att kriminali;
- ordni tal-Gvern tar-Repubblika;
- ordni tal-Prim Ministru li l-pubblikazzjoni tagħha fir-Riigi Teataja ġiet ipprovduta għaliha fl-Att
tal-Gvern tar-Repubblika;
- direttiva ta' ministru li l-pubblikazzjoni tagħha f'Riigi Teataja ġiet ipprovduta bil-liġi;
- riżoluzzjoni u rapport tal-Kunsill Governattiv tal-Eesti Pank dwar l-attivitajiet tal-Eesti Pank;
- riżoluzzjoni tal-Bord tar-Riigikogu dwar il-ħatra bħala membru tar-Riigikogu minn membru sostitut
tar-Riigikogu u t-tmiem tal-awtorità tagħhom, l-approvazzjoni tas-sħubija ta' kumitat permanenti tar-Riigikogu,
u r-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni tas-sħubija tal-fazzjonijiet tar-Riigikogu;
- deċiżjoni tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali;
- avviż tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali dwar il-posponiment jew il-kanċellazzjoni ta' referendum;
- avviż dwar il-ħatra mill-Gvern tar-Repubblika jew minn Ministru;
- ħarsa ġenerali għar-Riigikogu mill-Kap tal-Ġustizzja tal-Qorti Suprema, l-Awditur Ġenerali u l-Kanċillier
tal-Ġustizzja;
- il-baġit, ir-rapport tal-ġestjoni u l-kontijiet annwali verifikati tal-Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa
tal-Estonja;
- gwida tal-Bord tal-Istandards tal-Kontabilità tal-Estonja;
- avviż tal-Bord tal-Pulizija tas-Sigurtà ppubblikat fir-Riigi Teataja abbażi tal-Att dwar il-Proċedura
għar-Reġistrazzjoni u l-Iżvelar ta' Persuni li taw Servizz jew ikkooperaw ma' Organizzazzjonijiet ta'
Intelliġenza jew Kontra-Intelliġenza ta' Organizzazzjonijiet tas-Sigurtà jew Forzi Militari ta' Stati li Okkupaw
l-Estonja;
- dikjarazzjoni tal-interessi ekonomiċi ta' uffiċjal u avviż uffiċjali ieħor, sakemm il-pubblikazzjoni
tiegħu tkun ġiet preskritta fl-Att Kontra l-Korruzzjoni.
Informazzjoni oħra ppubblikata fir-Riigi Teataja:
- Links għal leġiżlazzjonijiet u bażijiet tad-dejta oħrajn li fihom informazzjoni legali jistgħu jiżdiedu
mal-leġiżlazzjoni ppubblikata fir-Riigi Teataja u memoranda ta' spjegazzjoni u informazzjoni proċedurali oħra
ta' leġiżlazzjoni ta' applikazzjoni ġenerali maħruġa mill-istat u dejta relatata mal-leġiżlazzjoni jistgħu jsiru
disponibbli.
It-testi konsolidati ta' dawn l-atti leġiżlattivi huma ppubblikati fl-eRT:
- Liġijiet (seadused) – abbozzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja;
- Digrieti tal-President tar-Repubblika (Vabariigi Presidendi seadlused) – abbozzati
mill-Ministeru tal-Ġustizzja;
- Regolamenti u ordnijiet tal-Gvern tar-Repubblika (Vabariigi Valitsuse määrused ja korraldused) –
abbozzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja;
- Regolamenti tal-ministri (ministrite määrused) – abbozzati mill-ministri korrispondenti;
- Regolamenti tal-Gvernatur tal-Bank tal-Estonja (Eesti Panga presidendi määrused) – abbozzati
mill-Bank tal-Estonja;
- Regolamenti tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali (Vabariigi Valimiskomisjoni määrused) – abbozzati
mill-Kanċillier tar-Riigikogu;
- Riżoluzzjonijiet tar-Riigikogu (Riigikogu otsused) – abbozzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja.
Kull darba li jinbidel att leġiżlattiv, jiġi abbozzat u ppubblikat test konsolidat ġdid flimkien
mal-informazzjoni dwar it-terminu ta' validità tal-abbozz. It-test konsolidat hu ppubblikat elettronikament
simultanjament mal-emenda li tkun qed tiġi stampata jew li se tidħol fis-seħħ.